Spontanju t-tifel miskin

Eħe, nammetti, illum kont ftit slow.

Ħalli nkun sinċier….tant kont Ewforiku kull darba li rajt lil Kurt u l-band jinterpretaw id-diska w tant stennejt li se nirbħu l-Ewruvixin, li waqajt vera ħażin x’ħin skoprejt li ġejna …………………………… ħafna tikek għax waqajna lura ħafna ……………………………………. il-wieħed-u-għoxrin-post-u-tgħidx-quddiem-nies, tant li anqas is-sodda ma fejqitni.  Nota qasira qabel l-episodju dipressanti ta llum:

Sinċerament naħseb li Kurt u sħabu kienu tal-meravilja.  Dal-grupp ħajj b’diska tal-widna w korejografija ħelwa ma kienx ħaqqhom jieħdu dan il-punteġġ.  Issa sfortunatament drajna li diski bħal din jmorru aħjar minna, pero aħna pajjiż żgħir bl-għodda kbira w nibqgħu nippersistu!  Bis-serjeta kollha minn hawn ngħid lil Kurt & Co dak li ilhom jgħidu ħafna qabli, Prosit u Grazzi.

Issa, x’ġaralu l-kalamitu llum?!

Mara: “Skużani mister.  Fejn irrid immur?”

Jien: Ma tkellimt xejn b’ħalqi……

…..imma ġo moħħi….Eq eq eq eiiiee eq eq eaaa, this is the one, this is the one, the one I’ve been waiting for, to get me to the floor

Mara: “Do you speak Maltese?”

Jien: Ix-xwajten żgħir li jkolli fuq spallti x-xellugija qabeż malajr….Kellimha qisek għarbi b’imnieħru miżdud.  U ejja maaan ħa nidħku daħka…..istja qisek pastizz tal-ħaxu.  Kont diġa qed nisma lili nnifsi….”Ivaa żinjura.  Jiena jifem bil-Malti jekk inti kellem bilmod.”

U le, ma rridx nitnejjek bin-nies.  Mhux hawn ġew.  Barra OK :)

“Sinjura, sorry imma għadni ma tgħallimtx naqra l-imħuħ.
Jew tgħidli fejn trid tmur jew turini xi karta forsi nara.  L-bqija ma nafx inti fejn trid tmur.

Tatni l-karta w tibriqa.  Heh!

X’nemigra l-bogħod minn din l-art qaħba?!  Ma tarax.  Poplu ħelu bħal dan fejn se ssibu?

Min jaqra l-artiklu jifhem għalxiex berrqitli minflok għanqitni waħda kbira, tagħtni bewsa fuq moħħi, ħarbxitli l-erbgħa xagħriet li baqgħali u bagħtitni nkun imbierek!

Lower, Slower, Louder: Vocal Cues of Sarcasm

Previous studies have examined verbal rather than vocal aspects of irony. The present study considers how vocal features may cue listeners to one form of irony–sarcasm. Speakers were recorded reading sentences in three conditions (nonsarcasm, spontaneous sarcasm, posed sarcasm) with the resulting utterances filtered to remove verbal content. Listeners (n = 127) then rated these filtered utterances on amount of sarcasm. Results indicated that listeners were able to discriminate posed sarcasm from nonsarcasm but not spontaneous sarcasm from nonsarcasm. An analysis of the vocal features of the utterances as determined by perceptual coding indicated that a slower tempo, greater intensity, and a lower pitch level were significant indicators of sarcasm.

Posted in Uncategorized | Leave a comment

Keep out!

Please, whatever you do, just don’t wander into this box!  It measures 2ft x 1.5ft x 6inches and access to it is easy!  This makes it very dangerous and anyone could get lost in here.  It has happened before.  Keep out!

 

Posted in Uncategorized | Leave a comment

Meta se jkollna taxxa fuq in-nifs? Hawn min veru jabbuża minnu!

Idoqq it-tiliforn…….diidiiit…diidiiit

Jien: “Eloww, l-uffiċju tal-kalamita tad-defiċenti”

Id-defiċentissimu, kampjun universali ta stronzerija mhux kumpatibbli mal-ħajja umana:  “Eloww.  Qed nistenna lil Pinu tal-vann jiġi jiġborni.  Għadu ma ġiex.  Ġej għalija int?”

Jien: Fit-tarf ta lsieni, tberren ġo moħħi: “Mela ħsibtni l-Paramount hawn jew?!”
Jien: “Sinjur.  Mhux hawn trid iċċempel.  Ħalli nagħtik in-numru tal-garaxx ta Pinu.”

Id-defiċentissimu, kampjun universali ta stronzerija mhux kumpatibbli mal-ħajja umana:
“Għidli.”

Hekk kif bdejt ngħid in-numru, verament bilmod u ċar kemm nista, wara kull numru li ngħid bdejt nisma, beep, numru, beep, numru, beep……l-istess beep ta meta xi ħadd jolqot xi buttuna tan-numri tal-telefon.  Taf kif?!  Qatt ġratlek?!  Ġieli smajtu?  Użguuuuuur li ġieli smajtu….imma mhux hekk!

Mulej, please, għidli li dan mhux qed jiġri lili.  Possibli kont daqshekk raġel ħażin dil-ġimgħa?  Jew irrabjajt għax l-aħħar bloggata ma kinitx tad-daħk ħafna?

beeeeep
“Mister,

Mister,

Helloooo,

Ieqaf għafas il-buttuni,

Helloooo,

Helloooo!”

 

Sadanittant sirt isteriku……

…….ma nafx eżatt kemm għadda ħin.  Stenbaħt bit-telefown ma widinti, sħun jagħli, u fuq in-naħa l-oħra nisma….”Da l-ost*a naħseb telaq.”

Jien: “Sinjur, ma tistax tagħfas in-numri li qed nagħtik waqt li qiegħed fuq il-linja miegħi.”

Id-defiċentissimu, kampjun universali ta stronzerija mhux kumpatibbli mal-ħajja umana:
“Eh, eħe?  Qiegħed fuq il-linja miegħek jien?  U min inti int?”

Doooh, Huh, Phuuuu…..Fejn hu Homer Simpson?!?!?!?!?

Jien: “Jien il-kalamita, l-itturufnat li nibqa nħabbat wiċċi ma nies bħalek sa ma l-mewt tifdini.”  Kliemi hawn huwa kollu nom de plume, minkejja li vera xtaqt ngħidlu hekk.
“Issa ġib karta ħalli nagħtik in-numru.”

Wara li stennejna lil Lucy iġġib karta, u bil-karta biss ma ngħamlu xejn, allura Lucy kellha terġa tmur fuq missjoni oħra, din id-darba ma Tommy, sabiex insibu l-Biro!  Wara dawn l-10 minuti fuq il-linja li kienu qishom l-eternita fl-inferi,

inkiteb in-numru fuq il-karta, ovvjament mhux qabel ġie ripetut miżerament 73,280 darba.

X’ħin ġejt lura d-dar, il-mara staqsietni, “Trid tiekol ħi?”
Jien ktibt fuq karta, “Iva ħi.  10x!”

Għal għada…..imwerwer.

 

Posted in Uncategorized | Leave a comment

Kultant mhux faċli li tkun raġel!

Dalgħodu kmieni, għas-6am, kont sejjer lejn il-Mater Dei minn naħa tal-Mosta.  Eżatt kif qbiżt il-kaxxa li twerwer w inżilt in-niżla minn ġol highway, oops, mill-bypass, insib fuq in-naħa opposta tat-triq, daqsxejn ta Seat Marbella Griża fil-ġenb tat-triq.  Ġo fiha, ir-raġel u l-mara li probabbli ħasbu kmieni għal xi appuntament li kien fil-11am.

Kien jidher ċar  li hu qabeż id-daħla tal-Mater…..u hi ma kienx ħsiebha tħallieħ b’xejn!!

Peress li mhux faċli li tkun raġel, hu, ta xi 80 sena, b’ego sod…..u ara min imissu, b’mentalita minn dawk li ‘fi  żmieni ħadd ma kien joqgħod ġej bin-nejk għax kont ngħawwġu’, b’viżjoni li l-Marbella għadha tagħti prestazzjonijiet u manuvri bħal ta 30 sena ilu, HU, mela min?, hu għamel manuvra qisu qiegħed ġo xi trekk tal-Gymkhana, eżatt quddiem imnieħri…….filwaqt li it-tferfir ta l-irjus u t-tixjir ta l-idejn baqa jitkaxkar sal-parkeġġ tal-viżitaturi.

X’siegħa bużż meta tara li l-warden kien qiegħed biss 20 pass bogħod…..imma dak il-ħin kien qed iħares lejn il-mobajl….:)  Kif tista ma ċċempilx….

Posted in Uncategorized | Leave a comment

Nixtieq…

…imma nifhem xi trid tgħid, MA NISTAX!

Sieħbi Chalie illum irrakkontali storja tal-waħx.

Sinjura: “Minn fejn irrid ngħaddi biex immur fejn irrid immur?”
Chalile sieħbi: “Oħroġ barra w idħol ma l-ewwel daħla fuq il-lemin.”

Importanti ngħidu li ma hemmx ħlief daħla waħda fuq il-lemin u allura sieħbi ma setax jispjega aħjar minn hekk.  Ħasra li fuq il-lemin ma kienx hemm id-daħla ta labirint umduż, mimli bil-brimb ta kilo, skorpjuni daqs steering ta karozza, wiżgħa ta 4 piedi tiekol biss xagħar uman, xi qattus fih 830kilo li vera jħobb jitfissed u fl-aħħar, IL-MINOTAWRU!!

Insomma, din biex tkun ċerta li ma tidħolx ġol-labirint, riedet tikkonferma.  Filwaqt li għamlet sinjal b’idha li ferm jixbaħ dan ta hawn taħt…

…lil Chalie staqsietu….”Dritt irrid immur?!”

X’taqbad tgħidilha għid?!?!  Sieħbi tbikkem.  Sa kelli nixtrilu apple pie biex tbissem reġa.

Meta tinqala xi emerġenza bħal din, mur għan-numru 10 f’din il-lezzjoni ta hawn taħt….

 

Posted in Uncategorized | Leave a comment

2800

Min daħal jiċċekja llum, eħe, int li ma għamiltx RSS feed biex tirċevi email meta jkun hawn xi ħaġa ġdida hawn, kien il-qarrej numru 2800 minn Frar 2012 l-hawn.  Ikkuntattjani ħalli nkun nista ngħidlek x’irbaħt…..

Posted in Uncategorized | Leave a comment

F’għeluq il-ġimgħa

Ili ma nikteb hawn mhux għax għaddejt minn xi randan ta kavolati.  Anzi.  Ili ma nikteb għax għaddejt, mal-familja estiża tiegħi, minn mewġa ta uġiegħ.  Din il-bloggata mhix tad-daħk, mhix bħal tas-soltu.  Qed nikteb għax meta nikteb inħossni ftit aħjar….u hekk ser nagħmel.

In-nannu.

In-nannu kien raġel kbir!  Naf li n-nannu ta kulħadd ikun kbir, imma ħudu paċenzja, tiegħi kien akbar!

F’ħajja twila 89 sena, wieħed jista biss jimmaġina kemm għadda minn affarijiet, kemm stejjer u esperjenzi kellu x’jirrakkonta lil widnejn dejjem ħerqana, kemm lezzjonijiet kellu x’jgħallem, kemm memorji kellu x’jgħaddi, kemm kellu minn kollox.

Il-memorji ma jistgħux jispiċċaw, ma jitħassrux, ma jintesewx.

Fi żmien il-gwerra, in-nannu kien stazzjonat Delimara.  Il-familja tiegħu l-Buskett imma hu fejn ħalla l-karkura x-xitan!  Taħsibx li xi ħaġa hekk kienet se ċċaħħdu milli jiltaqa ma familtu!  B’rota bi 3 gerijiet, kien jaqdef lejn il-Buskett nhar ta Ġimgħa u jerġa l-isfel nhar ta Ħadd filgħaxija.  Anke bil-karozza nara triq twila jien!  Imma mhux il-Bajku!

Niftakar ukoll stejjer ta meta hu u ħuħ Pawlu, l-ewwel tnejn filfatt li kellhom isiefru lejn il-Libja tar-Re Idris.  Dak iż-żmien, talli taqra x-Xewka kont tieħu salib żgħir mingħand il-Kappillan (id-direttur spiritwali tar-raħal!) fuq l-applikazzjoni tax-xogħol……fejn bniedem biċ-ċertifikati kien jintbagħat jaħdem bl-imgħażqa.  L-imgħażqa, għat-tnejn li huma kienet delizzju, bħal l-ixkubetta, u għal familthom, dan ma kienx biżżejjed, u ma l-ewwel ċans, telqu.

Il-Libja ġabet magħha ħafna esperjenzi w stejjer.  Stejjer ta dulliegħ enormi li bħalu Malta kienet qatt ma rat, ta deheb jinbiegħ fuq il-monti, ta lavranti jibdlu ż-żjut tal-karozzi u jibqgħu jimlew sakemm iż-żejt ifur minn ġot-top cover tal-magna (defiċenza galore), ta windscreens jinfaqgħu billejl bid-differenza tat-temperatura bejn ġewwa u barra, ta żraben imdendla ħabba l-iskorpjuni, ta friex li possibilment jkun fih xi serp, ta abbundanza fl-ikel li mingħand sħabu l-Amerikani ġabitlu magħha l-laqam ta Big Eatz…..laqam li baqa jiġri miegħu anke fi żmien fejn kien jiekol anqas minn Pitirross.

Meta kien għad kelli anqas minn 10 snin, kif ktibt diġa f’post fuq il-WiċċKtieb, il-Bajku kien jilgħab magħna l-kuġini qisu tifel żgħir, ta tamparna, tifel ta xi 55-60 sena.  B’dak it-turban ma rasu kien jiġi jfittixna.  Ma kellux fiex jitfixkel għax dejjem taħt is-sodda konna nidħlu.  Sodda antika bil-molol.  Bħal dejjem kien jikxef il-qiegħ tas-sodda w bħal dejjem konna ninħasdu, dejjem qisha l-ewwel darba.  Lil xi ħadd minn hawn jew minn henn kien jaħtaf u jiġbed il-barra.  Ġieli anke deffisna ġol-gwadarobba, fuq il-ħwejjeġ mitwija.  In-nanna tgħajjat li ser inkemmxu kollox u n-nannu, “u ijja, mhux tfal huma!”  Man-Nannu vera konna nidħku, konna nieħdu siegħa buzz.

Fi żmien tfuliti kont blajt kavolata konvenjenti…..li l-bandli kienu jgħalqu wara s-6pm.  Darba ġie n-nannu f’ġurnata Sajfija twila w qalli, “Tlaqna sal-bandli majs?!”  Ħeħe, daqshekk tnejku bija!!

Kont immur miegħu l-għalqa, u hemm, qattajt siegħat twal.  Siegħat twal ‘naħdem ġo l-għalqa’!  Ara x’qallek, naħdem!  Daqqa ngħinu jsaqqi, daqqa taparsi naħrat u neħel ma xi ħajt, daqqa naqsam xi pajp ta l-ilma, daqqa nisparaw xi tir bl-airgun u oħra bis-senter, Breda tal-molla li dak iż-żmien kont inħossu isawwatli spalti (kif jgħidu d-dilettanti) qisu żiemel, u f’Jannar iż-żabra tad-dwieli, u fis-sajf bis-serra tfuħ mimlija xitel tal-bettiegħ (tad-ditta Israel) u jien nagħtas 30, 50, ġieli 80 waħda, sakemm ninħanaq!  Kont ngħaddija.  Nammetti li ġieli telliftlu mhux l-eRRe imma l-alfabet kollu mma n-nannu, kif għedt fil-bidu, kien l-akbar wieħed.

Darba keċċa lil kuġinuwi lejn id-dar bir-rota w lili, ż-żgħir, ġol-vann, nistennieħ jirranġa l-manka ta l-ilma li jien kien għadni kif qsamt għax qbiżt fuqha.  Ħin minnhom inqasmet f’idu win-nannu ġie għasra.  Dak il-ħin ħassejtni miżerabbli, hassejtni veru tifel ħażin, mill-għar, moqżież u dardira.  Mill-Buskett sar-Rabat ma għedniex kelma.  Minn banda jien ma għedt xejn għax ħassejtni 1) ittradut mill-manka ta l-ilma li qatt qabel ma kienet faqqgħet meta qbiżt fuqha 2) kuġinuwi weħel intortament u 3) li ttradejt lil sieħbi, lin-Nannu.  Dakinhar in-nannu ma semma xejn, probabbli biex jien, iż-żiblu tal-ġurnata, nieħu t-tagħlima.  Kieku jaħasra għajjat għajta miegħi sakemm inħanaq kont inħossni ħafna aħjar!  Imma l-esperjenza tal-ħajja kienet għallmitu li kultant, bla kliem tagħti messaġġ li jinggeż aktar!  L-għada reġa qabadli d-diskors.  Erġajt ġejt żibel imma in-nannu malajr daħak daħka u qalli, “U kif infaqgħet ġo wiċċi dik l-istja manka ta l-ilma!”  :) Dħakt imma kważi bkejt ukoll.  Kont striħajt għax sieħbi kien għadu kif qalli li ħafirli ta dik it-tixriba li qallajtu.  Ajma nann, x’siegħa buzz kien fik.

L-għada li għalaqt 11-il sena soqt l-ewwel darba…..vann Marina, magna 15 diesel, kulur Maroon, miżbugħ biż-żebgħa tal-pinzell……in-nannu b’pinzell ta xi 4 pulzieri u jien b’wiehed irqaq indur mal-ħġieġ u hekk.  Hriġna mill-għalqa, waqqaf u ħareġ mill-vann.  “Aqbeż din-naħa.”  Minkejja li kelli ġenn biex nibda nsuq xi ftit, dak il-ħin l-adrenalina telgħet mogħla s-sema.  Qalbi riedet toħroġ, xaqq l-għaraq għalija, idejja kesħu minkejja li kienu qed jgħerqu gelgul.  Bejni u bejn ruħi, “Illalla man, ħa jtini nsuq, ħa nsuq, ħiii ħiii!”  Ħriġt u saqajja kienu qed jirtogħdu.  Tlajt f’post is-sewwieq u minkejja li bilkemm laħħaqt mal-pedali, soqt, b’lura jekk Alla jrid!  Qalli li jekk nitgħallem insuq b’lura l-ewwel, bil-quddiem ma tkunx problema u nkun ħafna aħjar “minn skoss ċwieċ li hawn mas-saqajn li mhux kapaċi jipparkjaw!”  :)   U bqajt insuq kważi kull meta kont inkun miegħu, sakemm tgħallimt u kont nilgħab bil-vann kif irrid.  L-għaraq reġa xaqq meta tani nsuq il-karozza, il-Cortina.  Hmmm, dik kienet IL-COR TI NA!!!!  Reverenza!  Xi tferfir kelli dakinhar.  Bis-saħħa tan-Nannu, ma mortx lezzjoni waħda tas-sewqan.  Kbir!

Meta kiber, xjaħ, xorta baqa dak in-natural fiħ li ma ssibux wisq.  Fi żmien fejn ma kienx ikun luċidu kemm xtaqnieħ, niftakruħ jaqta biċċa kejk ta l-anniversarju ta 60 sena żwieġ ma Karmena, biċċa tant kbira li anke ki nkun bil-ġuħ, ma jirnexxielix intemmha.  Dar fuq in-nanna, u b’għajnejn kważi mdemmgħa, b’ħarsa tleqq ta ġuvni żgħir li sab ‘it-tfajla ta ħajtu’ qallha, “Ħa Karm Ħi, kul!”  Għax Karmena qabel kulħadd!  Tagħlima oħra Bajk!

In-natural baqa jiddi sa l-aħħar jiem.  Wara tingiża fetaħ għajnejh u lit-tabiba pront pront qallha, “Thank you very much” daqs li kieku flok niggżitu, ġiet tagħtu xi ċikkulatina.  X’ma tħobbux!

Wara li kbirt, xtarrejt ħafna milli ħadt migħand nannuwi fi żmien fejn ma kellix biżżejjed sens biex nifhem, kif jgħid l-Ingliż, in between the lines.  Illum naf li mingħandu tgħallimt ħafna, ħadt ħafna, kbirt.  In-Nannu Bajku kien, bħan Nannu Ġanni wara kollox, nannu kbir!  Kien f’ċertu sens, għalliem, kien jagħti mingħajr ma jippretendi lura xejn, kien xempju ta rġulija, qalb tajba mma mhux tapit, galantom u ta ħniena (kultant iżżejjed), tal-punt imma tar-rispett, kien iħobbna mmens, mhux daqs dawl għajnejh, imm’aktar!  Tard wisq indunajt li kien l-aħjar ħabib li qatt kelli….kliem li ma għedtlu qatt…u ta dan jisgħobbija.

Bdejt inħoss in-nuqqas tiegħu snin ilu, minn meta ma bqajniex inkunu daqshekk flimkien ta sikwit, minn meta beda jnaqqas il-ħin fl-għalqa u eventwalment id-dar u s-sodda ħadu l-kontroll.  Xorta kien ikun hemm.  Immur ngħidlu xi ħaġa w hu ġeneralment jgħid xi storja.  Minkejja li dan-nuqqas kien ilu ġej, il-firda xorta kienet dehxa kiesħa.  Bkejt, u għadni nibki, anke issa.  Nibki t-telfa ta Nannu Kbir, ta bniedem li fi kliem missieri stess, “li kieku l-irġulija kient tissarraf f’pulzieri, kieku kien ikun ġgant”, il-bniedem li għamel u ta ħafna mingħajr ma qatt ippretenda xejn.  Pero, bkejt ukoll bil-ferħ, il-ferħ li ħassejt għax l-akbar ħabib tiegħi ma baqax ibagħti w inġabar ħdejn sieħbu, in-Nannu Johnny, u ħuħ l-għażiż Pawlu…..li fiż-żmien, it-tnejn li huma ħadu sehem mhux nieqes ta mrar u tbatija.  Id-diqa tal-weġgħa tonqos meta naħseb fihom jiddieħku flimkien ma kuġinuwi Michael, misruq minn fostna ftit xhur ilu.

Ħsibt li n-nannu kien se jħalli l-vojt.  Hekk hu, ħalla vojt kbir pero mhux vojt mudlam, skur, dieqi imma vakum kbir ta memorji kkuluriti ħafna, memorji mħallta w stivati ġo mħuħ differenti, ta martu, uliedu, neputijiet u oħrajn.  Il-vojt?!  In-nannu mlieħ!  Fi żmien fejn anke l-kliem kien skars, rassna u gezzizna flimkien aktar minn qatt qabel.  Nagħlaq għax il-bqija ma nieqaf qatt.  Issa suppost tifhem daqsxejn għax bdejt u spiċċajt hekk: In-nannu kien bniedem kbir!

Posted in Uncategorized | 2 Comments